Nota bene: Din is-silta riflettiva ktibtha għal xis-siegħa ta' filgħodu fil-lejl ta' wara li miet il-Professur Oliver Friggieri. Jiġifieri la l-Profs. miet nhar is-Sibt 21 ta' Novembru filgħodu, din ktibtha nhar il-Ħadd 22 ta' Novembru kmieni filgħodu (għal xis-siegħa), b'għajnejja mtaqqla bin-nagħas u b'moħħi mtaqqal bil-ħsibjiet. Matul il-ġurnata tal-Ħadd imbagħad komplejt nirfinaha biex inkun nista' nippreżentaha lilkom u forsi b'hekk jirnexxieli ngħin lilek, il-qarrej, tislet tagħlima minn telfa bħal din.
Il-Poeżija hija żvog emozzjonali li, b’mod mirqum, tiġbor fi ħdanha l-ħsibijiet li għaddejjin mill-moħħ ta’ min fettillu jaħtaf il-pinna f’idejh.
Bejn is-swaba ta’ jdejh, il-Poeta umanissimu jżomm b’tagħfisa mansa pinna li l-linka tagħha tixhed id-demm poetiku tiegħu, li sfaxxa maħkum mill-muża metaforika li qed tberren fil-kurituri tal-moħħ imżejjen tiegħu, moħħ mibni fuq l-analoġiji riflettivi u l-versi kkuluriti b’metafori a la Shakespeare.
Meta l-Poeta jmut, jieħu miegħu s-sors prinċipali tal-Poeżija tiegħu – ruħu. Warajh, f’din id-dinja għamja, mitlufa, u mifxula, iħalli l-prodott finali li kreat persuntu meta ġismu u ruħu kienu għadhom jiktbu f’armonija mat-taħbita tal-polz u tal-qalb, li matul il-ħajja tiegħu kienet tħabbat f’sidru f’sinkronizzazzjoni assoluta ma’ kull sillaba tal-versi tiegħu.
Il-Poeta ma jħallix biss ġismu warajh. Iħalli wkoll il-Poeżija li kkompona matul ħajtu sabiex ikun jista’ jafdaha fl-idejn perikolużi tagħna, ħutu l-bnedmin. Għaliex jekk tmut il-Poeżija, ma tkun poeżija xejn. Jekk tmut il-Poeżija, l-iskop tar-ruħ ikun intilef għal dejjem.
Ħajjet il-Poeta mimlija mistoqsijiet rettoriċi, fallaċji patetiċi, u ironija. Il-Poeta mhuwiex sempliċiment poeta. Huwa filosofu, u l-Poeżija tiegħu hija l-filosofija tiegħu… Dun Karm donnu Sokrate Romantiku; Oliver Friggieri bħal Platun Modern; Immanuel Mifsud qisu Aristotli Post-Modern… ilkoll filosofiċi ta’ sekli mżewwqa bl-avvanzi soċjo-politiċi-ekonomiċi-kulturali ta’ żminijiethom.
Il-Poeżija kapaċi żżeffen b’subgħajha ż-żgħir il-ħsibijiet ta’ min jaqraha, japprezzaha, u jammirha. Jekk ma tapprezzax il-Poeżija, ma tistax tgħid li inti bniedem komplet u olistiku. Huwa proċess li jibda minn meta tibda tikber f’ġuf ommok u jkompli għaddej sa ma tispiċċa trab midfun fl-abbissi tal-memorji ta’ min ħabbek. L-istess il-Poeta.
Il-Poeżija tgħin lill-Poeta jikber u jiżviluppa daqs kemm tgħin lil min jaqraha. Huwa hemmhekk li l-Poeta jagħraf li huwa se jmut… iżda li l-Poeżija tiegħu mhi se tmut qatt.
Hekk biss jista’ jsib il-mistrieħ ta’ dejjem.
Il-Poeta li qed niċċelebraw bħalissa huwa l-Professur Oliver Friggieri, li b’suċċess għex il-Poeżija tiegħu u qasamha magħna biex permezz tagħha nsiru bnedmin aħjar.
Profs. – grazzi talli qrajtli xogħli, kritikajtu, u anke bgħatli xi noti biex jien ukoll inkun kapaċi nikteb il-Poeżija tiegħi. Se nibqa’ ngħożż dejjem il-parir siewi tiegħek, fejn fuq ktieb li kont tajtni ktibtli:
“Lil Mr Bradley,
biex jibqa’ miexi fit-triq tal-Poeżija.”
Strieħ fis-sliem.
Interpretazzjoni tal-poeżija ‘Jekk’, ta’ Oliver Friggieri, irrekordjatha nhar il-mewt tal-Profs. Friggieri