B’dak li qed jiġri fis-settur edukattiv f’Malta bħalissa, l-ikbar vittmi (bħas-soltu) huma l-istudenti. In-nuqqas ta’ pjanar sostennibli u l-ottimiżmu vojt li dawk ta’ fuqna jipprovaw (u ħafna drabi jirnexxilhom) ibelgħulna wassal għall-kreazzjoni ta’ ħafna inċertezzi u dubji f’dawn il-jiem.

Ir-riskju tal-COVID huwa agħar milli kien fix-xhur inizjali tiegħu f’Malta. Dan il-virus għadna ma fhimniehx kompletament. Kieku verament nafu kif għandna nikkontrollawh effettivament, kieku mhux qed naraw dawn l-ammonti ġganteski ta’ każijiet kuljum.

Is-sitwazzjoni ma marritx għall-aħjar. Iċ-ċelebrazzjonijiet irresponsabbli tal-Milied u tas-Sena l-Ġdid flimkien mad-dħul tal-varjant il-ġdid ġewwa pajjiżna kkawżaw mewġa oħra ta’ każijiet, u għandna nistennew aktar minn dawn l-okkorrenzi fil-jiem li ġejjin.

Ħafna għalliema qed jibżgħu u ħafna studenti wkoll, bħalma qed jibżgħu ħafna individwi f’professjonijiet oħrajn wara kollox.

Nifhem li virus bħal dan diffiċli tikkontrollah (allavolja mexxejja madwar id-dinja kollha jiftaħru li kollox taħt kontroll). Nifhem ukoll li huwa diffiċli li jinsab bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa biex l-ebda minn dawn ma jikkolassa. Huwa fatt li l-kapitaliżmu fid-dinja attwali wassal għall-interdipendenza ta’ dawn iż-żewġ setturi. Issa jekk għandux ikun hekk jew le hija diskussjoni oħra.
L-azzjoni mhux issa riedet tittieħed, lejlet il-ftuħ tal-iskejjel. L-azzjoni kellha tittieħed xhur ilu f’industriji oħrajn. Dawn huma sempliċiment ir-riperkussjonijiet tan-nuqqas ta’ pjanar u tan-nuqqas ta’ miżuri verament effettivi, l-istess riperkussjonijiet li qed ikollu jsaqqaf wiċċhom magħhom is-settur edukattiv.

Biex ma nkunx qridt biss, nixtieq ngħid grazzi lill-għalliema u lill-iskejjel li d-deċiżjonijiet li ħadu ħaduhom b’rispett lejn l-istudenti, kienet x’kienet id-deċiżjoni, filwaqt li raw li l-istudenti kienu aġġornati fuq dak li qed jiġri.

Madankollu, lil dawk l-għalliema li ma tawx każ tal-benesseri tal-istudenti u volontarjament ħallewhom għomja dwar x’kien se jsir bil-lezzjonijiet tagħhom, kunu afu li qed tilagħbu mal-istat mentali ta’ dawn l-istudenti, li qed ikomplu jsofru minn inċertezzi kbar, bħalma qed issofru minnhom intom wara kollox.

Ejjew niftakru li minkejja li lkoll qegħdin fl-istess baħar, kulħadd qiegħed fid-dgħajsa tiegħu. Kulħadd għandu realtajiet differenti u m’għandniex nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda.

Imma issa li t-tieni terz tas-sena skolastika laħaq beda, huwa tard wisq biex is-settur edukattiv jerġa’ jankra ruħu u jirritorna għall-istabbiltà fil-jiem li ġejjin. Insomma, is-soltu storja.

Konxju li dan kollu jaf ktibtu għalxejn. Imma jekk inkun ilqatt imqar persuna waħda fil-laħam il-ħaj b’dak li ktibt, għalija jkun biżżejjed.