Din il-kanzunetta u dan il-filmat f’temp ta’ ftit minuti jinkoraġġixxu lin-nisa sabiex iħobbu lilhom infushom u lil ġisimhom. Din l-esebizzjoni awdjoviżiva tħeġġeġ ukoll lill-irġiel biex jirrispettaw id-dinjità tal-mara u ma jużawhiex daqslikieku hi oġġett sesswali.
Dawn huma żewġ messaġġi f’posthom u validi ĦAFNA.
Fl-istess waqt, f’dawk il-ftit minuti, naraw lir-raġel apostrofizzat jiġi rrapreżentat b’mod sterjotipiku bħala wieħed “gustuż” u muskolari.
Jiġi ppreżentat b’żaqqu barra f’kuntest senswali waqt li l-kantanta tmelles idejha miegħu hi u tkanta: “You look like an angel, that fell from the sky”.
Dan huwa wieħed fost il-ħafna eżempji fejn il-midja toħloq immaġini ta’ raġel “perfett” billi tiddefinixxih bħala wieħed “ħelu” u bil-muskoli ffurmati, li meta jinża’ b’żaqqu barra jaffaxxina lill-udjenza bl-istatura “majestuża” tiegħu.
Bħalma qal dan il-filmat lejn il-bidu, il-mara “perfetta” ma teżistix. Ma’ dan naqbel perfettament għaliex jekk noħolqu mara “perfetta” inkunu qed nisforzaw lin-nisa biex jikkonformaw ma’ xi tip ta’ ideal fl-apparenza u l-imġiba tagħhom. Dan m’għandux ikun il-każ.
Kull mara, fid-dinjità kollha tagħha, hija sabiħa u mimlija valur.
Imma kif imbagħad nużaw l-immaġini ta’ raġel “gustuż” u kollu muskoli biex jirrapreżenta r-raġel “perfett” li, bħalma għidt qabel, qiegħed hemm biex jaffaxxina lill-udjenza bi “sbuħitu”?
Mara “perfetta” m’hemmx, imma raġel “perfett” iva? Jiena, bħala raġel, irrid inkun “gustuż” u muskolari biex inkun atraenti? Jekk jiena ma nikkonformax ma’ dan kollu, m’iniex persuna li nattratta s-sess oppost lejja b’mod amoruż?
Il-verità hija din:
- L-ebda mara u l-ebda raġel ma hija/huwa universalment u oġġettivament “perfett(a)”.
- Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jaraw lil xulxin bħala oġġetti li jissodisfaw il-bżonnijiet sesswali tagħhom. Il-kummenti minn taħt u t-tinbix bejn il-ħbieb isir miż-żewġ sessi.
- Fil-kultura popolari, hemm bosta artisti rġiel u nisa li jixhdu fil-lirika tal-kanzunetti tagħhom li jaraw lis-sess oppost bħala oġġett sesswali;
‘Blurred Lines’ ta’ Robin Thicke, u ‘WAP’ ta’ Cardi B…
‘Body’ ta’ Megan Thee Stallion, u ‘Wiggle’ ta’ Jason Derulo…
u l-bqija. - Jekk xi ħaġa tapplika għal sess, għandha tapplika għall-ieħor. Jien m’għandix nirrispettak għax int mara u int m’għandekx tirrispettani għax jien raġel. Għandna nirrispettaw lil xulxin għaliex it-tnejn umani bħal xulxin.
Dik hi l-vera ugwaljanza.
N.B.: Il-virgoletti jixhdu s-suġġettività tal-kelma użata, mhux għax qed nikkwota lil xi ħadd.