La jien psikologu, la filosofu, la soċjoloġista, u lanqas jien dak li joħroġ kieku Freud u Nietzsche u Durkheim kellhom tarbija flimkien… li nista’ ngħid fiċ-ċert hu li għajnejja f’wiċċi u moħħi bejn widnejja.
Illum kellu jkun jum il-festa esterna ta’ San Publju fil-Furjana, festa li ta’ kull sena nattendi għaliha reliġjożament (pun intended).

Dan ir-ritratt, meħud mis-Sur Alexander Ellul fl-2019, juri ġemgħa nies magħmula minn taħlita ta’ Furjaniżi u nies li mhumiex (jew m’għadhomx) parti mill-komunità lokali Furjaniża. Jidhru lkoll miġbura quddiem vara tal-personaġġ qaddis u storiku Malti li jġib l-isem ta’ Publju.
Is-sabiħ ta’ dan ir-ritratt huwa fil-fatt li popolazzjoni tal-lokalità Furjaniża, u anke ta’ barra l-lokalità (bħali), jidhru magħqudin flimkien taħt simbolu waħdieni li fih isibu idolu li madwaru bnew ċertu fanatiżmu u li jammirawh b’imħabba li xi kultant hija indeskrivibbli u forsi anke esaġerata.
Imma din l-ammirazzjoni minn fejn ġejja?
Kwart tan-nies li qed jidhru f’dan ir-ritratt jafu jkunu fost dawk l-uħud li jersqu lejn il-Knisja darba f’sena għall-festa propju biex jesperjenzaw l-adrenalina li tinbet fihom waqt dan il-mument.
Il-qaddisin, bħal figuri prominenti oħra, inqegħduhom fuq pedestal għax fihom naraw ċertu valuri li aħna naspiraw li jkollna.
Dawn huma persuni storiċi li donnhom sabu l-iskop ta’ ħajjithom, fejn offrew lilhom infushom għas-servizz ta’ Alla u ġew premjati bħala l-crème de la crème tal-kultura Kristjana.
Waħda mill-ikbar mistoqsijiet tal-bniedem hija, “Jien xiż-żugraga qed nagħmel hawn?” Hija bla dubju mistoqsija li biex tweġibha b’ċertezza assoluta forsi teħtieġ li tegħreq l-għaraq tad-demm, taqsam kull oċean, u tmiss qiegħ il-baħar…
… u lanqas hemm ma tkun taf x’inhi t-tweġiba.
Mela l-bniedem inkonxjament iħares lejn dawn il-figuri “qaddisa” u jipprova jevalwa, bla ma jaf, x’kwalitajiet jista’ jsellef minn dik il-figura li f’għajnejh hija spiritwalment akbar minnu.
Apparti minn hekk, il-fatt li din it-tiftixa inkonxja mhux qed tagħmilha waħdek iżda tista’ tara konkretament li hemm nies oħra li jħaddnu l-istess kawża u li qed iħarsu lejn l-istess sors ta’ muża bħalma qed tħares lejha int, tagħtik dak iċ-ċertu sens ta’ appartenenza fejn tgħid bejnek u bejn ruħek, “Isma’ xbin, mhux int biss qed tara lil dal-proxxmu statiku quddiemek bħala persuna tal-ġenn li għamel affarijiet tal-blieh (allavolja nofs dawk l-affarijiet probabbli m’għandekx idea x’inhuma). Sinjal li qed tagħmel xi ħaġa tajba.”
Il-kunċett ta’ ‘collective effervescence’ li ħareġ bih Émile Durkheim huwa evidenti mmens hawn. Il-festa hija okkażjoni sa ċertu punt “rari” (għalkemm annwali) fejn grupp ta’ nies li jagħmlu parti mill-istess komunità jingħaqdu quddiem dik ix-xi ħaġa akbar li tgħaqqadhom.
Tgħiduli allura: “Kif qed tiġġustifika dan imbagħad toqgħod teqred kontra l-partiġġjaniżmu, Ġaħan?”
Nistgħu ngħidu dan li ġej biċ-ċert:
- Il-qaddisin nafu x’għamlu f’ħajjithom, ċjoè nafu x’ideoloġija ħaddnu sal-qabar.
- Nistgħu ngħidu wkoll li l-qaddisin bejniethom huma kollha magħqudin wara persuna waħda – Alla – u saħansitra taw ħajjithom għalih. Jinfirdu biss meta nifirduhom aħna u l-injoranza tagħna.
- Apparti minn hekk, il-maġġoranza tan-nies tikkunsidrahom bħala nies moralment twajba.
Għall-kuntrarju:
- Politiku Malti nistgħu biss nassumu jekk l-intenzjonijiet tiegħu humiex tajbin jew ħżiena (bħal kwalunkwe bniedem ieħor) u ma nafux biċ-ċert x’ideoloġiji jħaddnu tassew. Jafu faċilment ikunu Neoliberali li jinħbew wara l-maskra tas-Soċjaliżmu jew tan-Nazzjonaliżmu, i.e. disgħin fil-mija tal-Parlament Malti (skont l-Uffiċju Bradley-ali tal-Istatistika).
- Apparti minn hekk, għalkemm huma magħqudin bil-fatt li huma Maltin, mhux dejjem issib politiċi li litteralment jagħtu ħajjithom għal Malta.
- Moralment imbagħad, in-nies huma maqsumin dwar jekk il-politiċi humiex twajba jew saħansitra Makjavelljani.
Din l-ambigwità u inċertezza fil-karatteristiċi tal-politiku tipiku twassal biex in-nies, meta jħarsu lejn politiku bħala idolu, ikunu qed jidolizzaw persuna, bniedem tad-demm u l-laħam bħalhom, li għadu ma uriex b’provi konkreti biżżejjed li hu lest litteralment jagħti ħajtu għall-kawża assoċjata miegħu.
Il-qaddisin joffru idoli li nafu x’messaġġ definit riedu jwasslulna u li ma jistgħux jimponu fuqna kif nifhmu dan il-messaġġ bir-retorika.
Sintendi, il-kultura tal-festi u l-qaddisin mhijiex kollha ward u żahar.
L-iskop tal-festi jintilef meta jidħol l-imbierek tribaliżmu li jqażżiżlek kull nervitura f’ġismek.
Il-kultura tal-festi ssir kankruża meta n-nixxiegħa ta’ ħsieb tkun hekk:
- Ħu pinta birra.
- Ibqa’ ixrob sakemm tibda tara l-kukkudrilli kbar u l-iljunfanti żgħar.
- Offendi lil tal-każin l-ieħor.
- Niżżel ix-Xirka tal-Qaddisin u t-Trinità bid-dagħa faħxi.
- Aqbad ġlieda.
- Idgħi ftit ieħor.
- Mur quddiem il-vara u ċapċap u għajjat.
- Agħmel sena ma tirfesx fil-knisja sakemm terġa’ tasal il-festa u tkun tista’ terġa’ ssir żibel, mandra, u ssir għal darb’oħra l-personifikazzjoni tal-Magħtab.
Kull min jimxi b’dan il-proċess ikun xempju tal-ipokrezija, il-fulkrum ta’ dak kollu li hu ħażin bl-identità kulturali Maltija.
Iżda l-fatt li minkejja dan kollu l-qofol tal-festa jintlaħaq fl-ammirazzjoni straordinarja tal-poplu lejn din il-figura “qaddisa” huwa xi ħaġa li bla dubju jgħin fil-formazzjoni tal-valuri tal-istess poplu, jew tal-inqas ta’ proporzjon minnu.
Ngħid għalija, il-fatt li nħares lejn San Publju bħala persuna li nammira, kemm bħala personaġġ qaddis kif ukoll bħala mexxej ċivili, wassalni biex inħares lejn dak li għamel fl-Atti tal-Appostli (28: 1-10) b’mod differenti. F’Publju naraw mexxej Malti li laqa’ lill-barrani f’artna u li salva ‘l fuq minn mitejn persuna milli jegħrqu. Naraw uman li ħabb lill-umani. X’hemm isbaħ minn hekk?
Naħseb li l-ħaġa li l-festi għadhom mhux qed jimmanifestaw hija li dan il-proċess li qed iseħħ fl-inkonxju tagħna, fejn qed naraw x’valuri nistgħu nieħdu minn dan l-idolu li tant nammiraw, nipproġettawh konxjament u nimmanifestawh b’mod pożittiv u soċjalment korrett.
Għalhekk inħoss li l-festi huma importanti. Iżda bla dubju għad fadlilna x’naqdfu sakemm nifhmu l-iskop tal-kultura tagħna stess.
Sadanittant, il-Ħadd it-tajjeb u l-festa t-tajba lill-Pupuljani kollha.
– Bradley Publio D. Cachia