150 wara twelidek, se nisfidak Dun Karm. Ħelwa din l-art, għidtilna. Naqraha, u nidħaq. Tibżax, mhux bik nidħaq Psaila. Nidħaq b'dawk li għalihom innu ktibt. Nidħaq bija nnifsi, għax jien wieħed minnhom. Internet m'għandekx, imma forsi l-"għasfur lelluxi" li tant għożżejt jiġi jpespislek kliemi f'widnejk:

Seddaq dejjem l-għaqda fil-Maltin u s-sliem,
fl-ilsien velenuż ta’ kull Malti semmiem.
Rodd il-ħniena lis-sid; saħħa lill-ħaddiem.
Ġedded dan l-innu li sal-lum laħaq qdiem.
Agħti, kbir Alla, dehen lil min jaħkimha;
lil min spiċċa qarras għasel isimha.
Ftakar li lilha bil-oħla dawl libbist;
biss la neżżajniha, tlifnih dan l-akkwist.
Ħares, Mulej, kif dejjem Inti ħarist:
eħlisha mill-jasar bħall-ġnus li Int ħlist.
Lil din l-art ħelwa. L-Omm tatna isimha:
gżira stuprata; żverġnawlha ġisimha.
Dun Karm issa ħemed ġewwa Ħaż-Żebbuġ;
iċċekken, bħal fenek li spiċċa żarmuġ.
Għaraf li kliemu, il-kliem nazzjonali,
fis-seklu ta’ wara saru banali.
Dun Karm issa sieket, x’jgħid aktar m’għandux.
Inħanaq ikellem lil dal-poplu trux.