Ilni ma nħarbex xi ħaġa u ngaraha hawnhekk. Forsi għax konxju li huma ftit li eventwalment se jaqraw dak li se nikteb. Forsi wkoll għax għażżien (li x'aktarx huwa l-fattur prinċipali), jew għax tant għandi affarijiet għaddejjin f'ħajti li ma sibtx ħin. Naħseb taħlita ta' kollox. Però issa fettilli nintefa' nikteb, u se niżvoga. Waqt li qed nikteb din l-introduzzjoni, għadni ma nafx fuq xiex se nitkellem, imma b'xi mod se nasal x'imkien.

Wara li ktibt xi ħaġa u erġajt ħassartha, iddeċidejt li se nikteb dwar l-avvenimenti li għixt matul l-aħħar ġimgħa bħala student ġdid tal-Università ta’ Malta. Se nitkellem dwar il-famuża Freshers’ Week.

Se nsemmi xi affarijiet prominenti li ġraw matul dawn il-ħamest ijiem, se nipprova niftakar x’osservajt, u b’mod kritiku (ta’ nerd li jien) ħa naqsam magħkom x’riflessjonijiet għamilt. Jekk qed taqraw dan l-artiklu, sinjal li għażilt li nippubblikah għax nemmen li hemm sustanza f’dak li se ngħid, jiġifieri ħa nipprova ngħid affarijiet bis-sens kemm jista’ jkun.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ (u tal-qtugħ ta’ nifs)

L-ewwel ġurnata tal-famuża Freshers’ Week – it-Tnejn, 3 ta’ Ottubru 2022. Dakinhar kelli l-opportunità nippreżenta ċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida. Hija tradizzjoni li studenti tal-ewwel sena jippreżentaw din iċ-ċerimonja, u din is-sena inzertajna ntgħażilna jien u ħabiba tiegħi. Għaldaqstant, kelli noqgħod għaċ-ċerimonja kollha mill-bidu sal-aħħar.

Għat-07:56, intbagħat SMS lill-istudenti kollha li qal hekk:

Dear Freshers you are being invited to visit Sir Temi Zammit Hall at 9 a.m. for the Opening Ceremony

UM Alert

Kien hemm ħafna li saru jafu b’din iċ-ċerimonja minn dan il-messaġġ u s-sala tista’ tgħid li kienet mimlija bl-istudenti. Sal-aħħar taċ-ċerimonja, nofs is-siġġijiet li kienu mimlijin fil-bidu tbattlu. U minn perspettiva ta’ xi ħadd li kellu jpoġġi għal din iċ-ċerimonja mill-bidu sal-aħħar, ma nagħtihomx tort.

Nofs iċ-ċerimonja kienet okkupata minn serje ta’ siltiet mużikali ta’ stil jazz. Issa jien il-jazz inħobbu, speċjalment meta nkun nixtieq nirrilassa daqsxejn u naħrab xi ftit mir-realtà. Huwa stil ta’ mużika li jippermetti dan. Iżda ma nikkunsidrax il-gosti tiegħi bħala gosti daqstant mainstream, u mill-għarfien li għandi tad-demografika żagħżugħa li nagħmel parti minnha jien stess, ma naħsibx li madwar siegħa ta’ jazz, silta wara l-oħra għaddejja mid-disgħa sal-għaxra u nofs ta’ filgħodu, huma l-aktar ħaġa li jieħdu gost jesperjenzaw l-istudenti. Speċjalment meta ftit metri ‘l bogħod mis-Sala Sir Temi Zammit hemm skoss ażjendi jqassmu l-affarijiet b’xejn u jrebbħu r-rigali (xi ħaġa li se nitkellem dwarha aktar ‘il quddiem f’din it-tgerwila).

U meta l-unika intervall li hemm bejn is-siltiet mużikali differenti huwa diskors monotonu u eternament twil (dam għaddej għal madwar 24 minuta) mir-Rettur tal-Università, iċ-ċerimonja ssir inqas attraenti għall-istudenti preżenti. Kien diskors li, minkejja li kien fih sustanza, dar madwar l-istess ftit punti, li l-maġġoranza tagħhom huma klixejiet u kliem makroloġiku*. Nagħmlilkom imħatra li lanqas ċertu letturi nfushom ma bdew jifhmu x’qed jgħid. Anke l-Ministru tal-Edukazzjoni u wieħed mill-Proretturi ntefgħu jilagħbu fuq il-mowbajl waqt id-diskors. Jekk lanqas dawn ma setgħu jiffokaw fuq dak li qed jintqal, mela aħseb u ara kemm se jsegwu l-istudenti (inkluż jien), li sforz il-mod kif trabbejna għandna attention span ta’ goldfish.

*Eżempju ta’ kelma makroloġika hija l-kelma ‘makroloġika’.

Parir lir-Rettur: jekk ħa tagħmel diskors li fih se tindirizza lill-istudenti bit-tir li tiggwidana fil-vjaġġ tagħna fl-Università, tkellem b’tali mod li se nagħtu kas. Naf li dak li għidt f’dawk l-erbgħa u għoxrin minuta huwa validu bil-mod tiegħu, imma frankament, m’hemmx sekonda waħda mid-diskors li għadni niftakar. Ara meta tkellmet il-President tal-KSU… minkejja l-klixejiet tas-soltu – li realistikament diffiċli tevitahom – tkellmet fil-qosor, b’mod dirett u konċiż, bla kantunieri. Għamlet diskors ta’ madwar sitt minuti, imma kieku kellha tgħid aktar, kont se nibqa’ ingaġġat ma’ dak li qed tgħid.

Nifhem li hemm ċertu element ta’ formalità għal ċerimonja bħal din ix-xorta, iżda jekk l-Università hija verament istituzzjoni għall-istudenti li jagħmlu parti minnha, mela jkun xieraq li taġġorna ruħha biex tattira lill-istudenti lejha. Imbilli l-Università ta’ Malta hija waħda fost ħafna universitajiet antiki li għadhom joperaw sal-lum, ma jfissirx li għandha tibqa’ antika, inkella tistaġna.

Il-catchphrase tar-Rettur fid-diskors tiegħu kienet din il-kwotazzjoni:

Know the true, do the good and delight in both.

Boethius of Dacia

Il-parir tiegħi lill-Università huwa biex tħares ħarsa lejha nnifisha bħala istituzzjoni li tħaddem fiha ħafna nies u tara li “the good” qiegħed preżenti anke fl-istrutturi interni tagħha stess… għax meta niftakar f’ċertu nies li hemm jaħdmu l-Università, ma’ “the good” malajr jiżdiedu the bad and the ugly. Huwa veru li kulħadd għandu l-imperfezzjonijiet tiegħu, iżda mhux kull imperfezzjoni għandha tkun aċċettata. Dan qed ngħidu b’kunfidenza għax smajt aneddotti u stejjer varji li wassluni nagħmel din il-konklużjoni; apparti l-fatt li m’iniex ċe bit-tikka. Imma daqshekk se ngħid dwar dan.

Bħala parti miċ-ċerimonja, fin-nofsiegħa saret quddies fil-Kappella tal-Università, li għaliha attendew ammont raġonevoli ta’ nies, fosthom jien, għax kelli nippreżenta ftit kliem hemmhekk ukoll. Dwar din, ma nafx x’naqbad naħseb sinċerament.

Tagħmel sens li f’Università bħal tagħna – li tilqa’ studenti mill-irkejjen kollha tad-dinja b’kulturi differenti – jiġi integrat b’mod daqshekk dirett dan l-element reliġjuż f’xi ħaġa daqshekk importanti daqs il-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida? Mhux qed ngħid li hi xi ħaġa ħażina, iżda f’Università mimlija individwi differenti tant, għalfejn tingħata din it-tip ta’ prijorità lill-quddiesa? F’dan il-konfront, aktar għandi mistoqsijiet milli opinjonijiet, iżda naħseb huwa ħsieb validu, le?

Issa li qed naħseb aktar dwarha, dawn il-ħafna ċerimonji u fixfixò huma l-istess ċerimonji u fixfixò li rajna ftit ilu wara l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II. Huwa stil ta’ ċelebrazzjoni arkajku li, fl-opinjoni tiegħi, fl-2022 m’għadux jagħmel sens. Imma għax aħna tant aħna ffissati bit-tradizzjonijiet fissi, ma nagħrfux il-potenzjal li għandha dik it-tradizzjoni biex tevolvi maż-żminijiet u mal-kuntesti differenti li tippreżenta r-realtà. Huwa dan li jwassal għall-mewta naturali tat-tradizzjonijiet. Nemmen ukoll li dan il-fatt ċkejken jirrifletti realtà akbar: li aħna għadna sal-ġurnata tal-lum sudditi tal-mentalità kolonjali, għax hekk programmati.

Tajjeb għax tajjeb, u tajjeb għax b’xejn

X’inhu Freshers’ Week mingħajr l-istands u l-affarijiet b’xejn? Probabbli jkun avveniment ieħor li jiġi kkunsidrat irrelevanti fost din il-ġenerazzjoni partikolari tagħna. Mhux tort tagħna sa barra; is-soċjetà vvelenatna b’din il-mentalità konsumerista minn mindu ommna kienet għadha tiflaħ terfagħna f’dirgħajha. Waqt Freshers’, nieħdu interess f’affarijiet li rari nagħtu kas tagħhom matul is-sena. Mill-osservazzjoniet tiegħi, ta’ injorant li jien, osservajt li aktar ma’ jkollok imbarazz imferxin fuq mejda, aktar ħa tiġbed interess lejn dak li qed tippromwovi.

Dak hu Freshers’ Week. Huwa simulazzjoni ta’ suq mimli entitajiet li jixtiequ jagħtuk opportunitajiet varji waqt li huma jieħdu l-opportunità li jifhmu aktar lill-udjenzi tagħhom. Jiġifieri jekk mingħalik li dik il-pinna tawhilek għax iggustawk, wisq probabbli raw li jistgħu jakkwistaw xi ħaġa mill-interess tiegħek fihom u wara li ġiegħluk tisskenja QR code u timla’ Google Form, tawk dik il-pinna b’xejn b’isem il-kumpanija stampat fuqha.

Il-kumpaniji li jkun hemm armati jħallsu ċertu ammont ta’ flus (flejjes kbar, milli smajt) biex jieħdu daqsxejn spazju u jattiraw din id-demografika żagħżugħa lejhom. Din ma tapplikax għall-organizzazzjonijiet membri tal-KSU għax (jekk mhux sejjer żball) dawk ma jħallsux biex jarmaw stand, u hekk sewwa u xieraq. Iżda mbagħad jitfgħuhom kollha f’żewġ tined qishom gabubi fejn il-librerija prinċipali tal-Università. Kollha hemm, marsusin f’xulxin. Imma l-aqwa li ngħidu li l-istudenti prijorità, mhux hekk?

Jekk tassew l-istudenti prijorità, is-sena d-dieħla naħseb tkun ħafna isbaħ kieku l-Kwadrangolu jimtela bl-organizzazzjonijiet studenteski altru milli bl-istands tan-negozji l-kbar. U ma ssirx ħsara jekk forsi tħallu ftit spazju għad-diversi start-ups li jibdew l-istudenti Universitarji stess.

Essenzjalment, il-Freshers’ Week sar mekka kapitalista u konsumerista fejn kollox jitqies tajjeb għax tajjeb u tajjeb għax b’xejn. Il-mossa tal-FreeHour, fejn faqgħu bużżieqa b’mitejn karta tal-€5 fiha fuq l-istudenti fil-pjazzetta tal-Campus Hub, hija xhieda ċara tal-istat tal-biki ta’ din is-soċjetà. Imma li kellu jintqal f’dak ir-rigward, diġà ntqal.

L-ikbar mistoqsija tiegħi però hija waħda: minn mindu l-Apple saru jqassmu l-prodotti tagħhom qishom pastizzi? Jekk ma tibqa’ magħrufa għal xejn, din il-ġimgħa se tibqa’ mfakkra bħala l-ġimgħa tal-iPhone 14 Pro.

Il-preġju ta’ student Universitarju

Wara tiftixa ta’ ħmistax-il sekonda fuq Google, sibt din id-definizzjoni ta’ x’inhu l-irwol ta’ student ta’ università:

Take primary responsibility for your learning, in particular: to be self-motivated and self-directed in the management of your learning. Be attentive and orderly in class and considerate in your behaviour towards all other members of the teaching community.

University of Kent

Minn dak li nosserva jien, is-sens awtorevoli ta’ kull individwu fuqu nnifsu m’għadux jeżisti. Hemm ħafna dipendenza fuq xulxin, u fejn m’hemmx din id-dipendenza, hemm it-traskuraġni. Hemm min isib dik l-awtorità imma jimponiha fuq ħaddieħor altru milli fuqu nnifsu, u dan għalija mhu xejn għajr qżież żejjed. Il-maġġor parti ta’ dawn it-tip ta’ studenti jkunu qed isegwu kors li huwa orjentat madwar karriera li toffri ċertu status soċjali; korsijiet bħal tal-liġi, tal-mediċina, tal-arkitettura, eċċ. Bla dubju, qed niġġeneralizza, iżda hija xi ħaġa li ilni żmien nosserva.

Issa jiena attwalment qed insegwi l-kors tal-Baċċellerat tal-Arti fl-Istudji Komunikattivi u l-Malti. Bħala eżamijiet f’Livell Avvanzat, għamilt il-Malti, l-Ingliż, u s-Soċjoloġija, u lkoll (speċifikament l-ewwel tnejn) akkwistajt marka itjeb minn C fihom. Madankollu, stajt faċilment napplika għall-kors tal-liġi, li se jiggarantili karriera ‘l quddiem f’suq kompetittiv għall-aħħar. Iżda x’inhi din il-fissazzjoni bil-liġi?

Waqt laqgħa li kellna mad-Dekan tal-Fakultà tal-Arti, qalilna li min jistudja f’kors taħt din il-Fakultà x’aktarx huwa orjentat lejn l-akkwist ta’ ċertu għarfien altru milli lejn karriera. Fl-istess waqt qal li student tal-Arti huwa flessibli fir-rotot li jista’ jieħu fil-karriera tiegħu, għax hemm il-possibilità wkoll li l-karrieri addattati għall-istudenti tas-suġġetti artistiċi u umanitarji jaf għadhom ma ġewx kreati. U naħseb għandu raġun.

Imma la jkollok l-Ingliż u l-Malti f’Livell Avvanzat, donnu l-unika għażla saret il-liġi. L-istess għal min jistudja l-Bijoloġija u l-Kimika – bħal donnu l-unika rotta hi l-mediċina u l-kirurġija. Nerġa’ ngħid, qed niġġeneralizza, imma naħseb li xi ftit jew wisq qed nolqot il-musmar fuq rasu.

Waħda minn sħabi, li daħlet għal-liġi, irrakontatli kif waqt waħda mill-ewwel lectures il-lettur staqsa l-mistoqsija, “Għalfejn għażiltu l-liġi?”. U kien hemm studenta qalet li biex titgħallem kif tfotti, timmanipula, u tigdeb. Sewwa qrajtu: fottamenti, manipulazzjoni, u gideb; dawn huma s-sisien ta’ xogħol ta’ avukat skont din il-proxxmu. Ħa nħallikom tixtarruha waħedkom din.

Tarġa waħda minn ħafna turġien

Ħadd m’għandu jobbligak tmur l-Università. L-Università hija direzzjoni waħda mill-ħafna direzzjonijiet li wieħed jista’ jieħu. Jien inzertajt ilni żmien nixtieq nasal s’hawn għax għandi interess kbir fil-lingwa u l-letteratura Maltija u ħassejt li din l-istituzzjoni hija tajba biżżejjed biex tissodisfa l-għatx tiegħi għal dan l-għarfien.

L-Università, avolja kollha ċerimonji, mhijiex istituzzjoni sagra. Imma ħinek, iva. Mela agħmel pjaċir lilek innifsek bro: jekk tħoss li l-Università ta’ Malta ma toffrilekx l-opportunità li timraħ fl-affarijiet li jinteressawk, tagħtihiex wiċċ.

L-Università ta’ Malta ma toffrix kull possibilità, u ma nippretendix li tagħmel dan. Apparti minn hekk, il-possibilitajiet li toffri jaf ma jkunux addattati għalik. Ma jimpurtax. L-inċertezzi ħa jaħkmuk, u allaħares le. L-inċertezzi huma indikazzjoni ta’ kemm verament qed taħseb dwar l-għażliet li qed tagħmel. Naħseb aktar ma tkun inċert, aktar tagħmillek ġid.

L-inċertezzi taħbihomx għax mingħajrhom ma tasal imkien.

L-esperjenza tiegħi s’issa

S’issa ma nistax ingerger. Se nikkumenta l-aktar dwar id-Dipartiment tal-Malti altru milli fuq tal-Istudji Komunikattivi, għax aktar kelli ċans ninteraġixxi magħhom.

Kont ilni naf li d-Dipartiment huwa miżgħud letturi u nies tal-ġenn. U f’jumejn biss, dan ikkonfermajtu. Peress li l-letturi tagħna huma lkoll letturi full-time, għandhom aktar ċans jiddedikaw ruħhom għax-xogħol tagħhom fl-Università. Din hi xi ħaġa li ma tidhirx wisq f’korsijiet bħal-liġi u l-mediċina peress li ħafna mil-letturi jkunu jaħdmu wkoll fis-settur li jgħallmu.

F’dan il-kors, inħoss li sibt posti u sa fl-aħħar nista’ ningwala ma’ nies li għandhom l-istess interessi tiegħi, xi ħaġa li kont nieqes minnha fi stadji oħrajn tal-edukazzjoni tiegħi.

Bħal kull esej ieħor, waslet il-konklużjoni

Biex niġbor dak kollu li għidt fi ftit punti:

  • L-Università għad fadlilha x’taqdef biex issir istituzzjoni tal-istudenti.
  • Il-KSU Freshers’ Week iwassal ħafna messaġġi ħżiena lill-istudenti.
  • Il-karriera mhix kollox; fittex l-għarfien l-ewwel, imbagħad il-karriera tiġi b’mod naturali.
  • L-Università ta’ Malta mhijiex l-unika triq li tista’ taqbad f’ħajtek.

Sakemm jerġa’ jfettilli nikteb hawn, saħħa u sliem.