Int u għaddej minn Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, tista’ tisma’ varjetà ta’ ħsejjes: il-klikek ta’ żgħażagħ bil-crop tops u l-brieret li jgħajtu biex jitkellmu; il-leħen ta’ Benny ikanta l-kanzunetti għat-turisti bil-lingwi tagħhom; l-ommijiet jinbħu mat-tfal biex iżommulhom idhom ħalli ma jintilfux qalb ir-rassa; it-tgedwid tal-anzjani mexjin waħedhom biex imorru jsorġu ftit fuq għatbet il-Qorti; l-għajjat għall-ġustizzja ta’ kull xahar minn mindu splodewlna ġurnalista …
Fost dawn il-ħsejjes, li huma armonjużi daqskemm huma kakofoniċi, kien hemm ukoll il-ħoss ta’ kitarra elettrika bajdanija, ħoss li kien jimla t-triq it-twila tal-McDonald’s, tal-iStarbucks, tal-każini tal-baned, tal-Mużew tal-Arkeoloġija, u tal-bqija. U wara dak il-ħoss, kien hemm raġel li għal bosta bħali kien pjuttost misterjuż.
Ma nistax niftakar darba partikolari meta rajtu hemmhekk binhar, però li niftakar żgur huwa meta kont narah hemmhekk billejl, ġieli anki wara l-għaxra ta’ filgħaxija. Il-preżenza tiegħu jien u għaddej mit-triq prinċipali tal-Kapitali f’satret il-lejl (wara xi rehearsal jew ħarġa mal-ħbieb jew date mat-tfajla) ma stajtx ma nirrikonoxxihiex. Anki meta Strada Rjali kienet tiżvojta u ma kien jifdal ħadd jippassiġġa min-naħa għall-oħra tagħha ħliefi … kien jibqa’ hemm, idoqq. F’dawk il-ftit sekondi li kienu jgħaddu jien u miexi minn quddiemu, konna nkunu jien u hu biss, f’dlam mixgħul mid-dwal tal-ħwienet magħluqin. Kont inħares lejh minn taħt il-għajn u kont narah maqtugħ f’dinja għalih; fid-dinja tas-Santana u tal-Pink Floyd.
Ilbieraħ (is-Sibt), il-Lovin Malta ħabbru kif dan il-proxxmu ħalliena x-xahar li għadda (Diċembru 2022). Kitbu li kien jismu “Alan,” iżda xtaqt infittex daqsxejn aktar dwaru. Dħalt fuq Google u YouTube u fittixtu. Fil-fittiexa ktibt:
- “alan valletta”
- “guitarist valletta”
- “guitarist valletta busker”
… u b’din l-aħħar tiftixa, skoprejt li ismu proprja kien Elon Stone.
Għall-ewwel darba, ħadt interess nara min kien dan ir-raġel enigmatiku li, bla ma qatt tajt kas, kien parti integrali minn diversi esperjenzi tiegħi fil-Kapitali, speċjalment filgħaxijiet.
Nammetti li l-istil li kellu għal qalbu hu mhuwiex stil li nieħu gost nisma’ minn jeddi fil-ħin liberu tiegħi, imma ma nistax ma napprezzax id-dedikazzjoni ta’ dan ir-raġel li ta’ kuljum kien jintefa’ hemmhekk, jiġi għala biebu minn kulħadd, u sempliċiment idoqq dak li jogħġob lilu.
Fl-aħħar mill-aħħar, naħseb dak huwa l-ispirtu li għandu jħaddan mużiċist ta’ veru; spirtu misjuq mix-xewqa qawwija li jesprimi mħabbtu għall-mużika akkost ta’ kollox, anki meta jaf li hemm in-nies għaddejjin jiġġudikawh għax jidher “maħmuġ” jew għax il-kanzunetti li jdoqq huma kanzunetti “storbjużi” u “bla sens”.
M’għandix l-iċken ħjiel għalfejn dan il-bniedem għażel li jqatta’ ħinu jibbaskja (busking, imma a la Maltija) f’nofs il-Belt Valletta. Forsi l-ħajja tatu bis-sieq u ma kienx qed ilaħħaq magħha, allura prova jdawwar lira żejda mill-ibbaskjar. Jew forsi sempliċiment kien jagħmilha għall-gost biex jgħaddi l-ħin. Ma nafx. Hi x’inhi r-raġuni però, ma nistgħux ma napprezzawx il-fatt li, ikun x’ikun it-temp, dejjem kont issibu hemm, iżewwaq it-triq bil-mużika. Ta’ dan, ħaqqu jiġi mfakkar.
Mingħajr Elon, Triq ir-Repubblika tista’ tibda torqod u tistrieħ ftit aktar kmieni …
… u hu jista’ jistrieħ magħha wkoll.
Dawn huma xi filmati li sibt fuq YouTube, li fihom jidher Elon idoqq il-kitarra fil-kapitali Maltija u saħansitra fil-kapitali Daniża (ċjoè, f'Copenhagen):