X’inhi dik il-kanzunetta bil-Malti li tisma’ (kważi) f’kull tieġ li tmur? Li tindaqq waqt (kważi) kull kunċert lokali li tattendi? Li jekk se ddoqqha quddiem folla nies taf (kważi) biċ-ċert li se jkantaw miegħek mingħajr ma jħawdu kelma waħda?
Hekk hu: Xemx – il-kapolavur tal-grupp mużikali Għawdxi The Tramps, li kien magħmul mill-kantawtur Dominic Grech, il-keyboardista Joe Cassar, il-bassist Spiru Sillato, u d-drummer Carmel Portelli (li ħa post Mario Ruggier wara li dan emigra lejn il-Kanada fi tmiem l-1973).

N.B. #1: Qabel taqra din il-bloggata, inħeġġek tindilek dilka sunblock, għax bl-ammont ta' drabi li ħa nuża l-kelma "xemx" taf tispiċċa qisek awwista msajra.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, f’moħħi bdiet tberren kurżità kbira dwar kif din id-diska kisbet daqshekk suċċess u, fuq kollox, kif irnexxielha ssostnih għal kważi 50 sena. Biex nipprova nasal għal konklużjoni, għamilt stħarriġ li għalih wieġbu 184 persuna: 121 mara u 63 raġel, bl-etajiet ivarjaw bejn it-12-il sena u s-77 sena. Dan l-istħarriġ ftaħtu fil-11 ta’ Settembru 2023 u għalaqtu ftit inqas minn tliet ġimgħat wara, fit-30 ta’ Settembru. Il-mistoqsija ewlenija tal-istħarriġ kienet: “Ikteb isem l-ewwel kanzunetta bil-Malti li tiġik f’moħħok bħalissa.”
Imma qabel inkompli nesplora r-riżultati ta’ dan il-kwestjonarju, ħa nitkellem ftit dwar il-kanzunetta nnifisha u dwar in-nies li kreawha. Skont is-sit elettroniku M3P:
The Tramps was a pop group from Gozo achieving prominence in the 1970s with their hit song Xemx. This was released under the Circle lable by R. Brizzi in 1975. Its lyrics and music were written by vocalist Dominic Grech.
M3P
L-impatt tagħhom fil-kultura lokali wassalhom biex, f’Jum ir-Repubblika tal-2020, il-grupp b’mod kollettiv ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Din tingħata mill-President tar-Repubblika, bl-approvazzjoni tal-Prim Ministru ta’ Malta, lil nies li jagħtu servizz speċjali lil Malta.

Xemx – li oriġinarjament inkitbet fl-1975 minn Dominic Grech għall-għarusa tiegħu, Pauline, li ftit xhur wara saret martu – mal-ewwel tispikka bħala parti integrali mill-identità ta’ dan il-grupp u tal-mużiċisti fi ħdanu.
Jien u nirriċerka għal din il-bloggata, laħaq beda t-tieni staġun tal-programm L-Ewwel Nota fuq TVM. Fl-ewwel episodju – ta’ nhar il-Ħadd, 8 ta’ Ottubru 2023 – ixxandret intervista ma’ Richard Grech, wieħed mill-erba’ wlied subien ta’ Dominic Grech. Id-diskussjoni inzertat kienet dwar Xemx, u donnhom kienu jafu dwar xiex kont qed nikteb. Hu u jirrakkonta l-istorja li sawret lill-kanzunetta, Richard qal:
Xemx infatti nkitbet xi sena jew ftit xhur qabel iż-żwieġ; qabel iżżewġu ommi u missieri. Hemm rakkont ħelu li jgħid – jiġifieri hija verità – li fit-tieġ, fil-frażi ta’ Xemx, “ftit ieħor daqt jasal / dak il-mument,” il-missier – il-pa – kanta lil ommi, “issa wasal / dak il-mument.” Xi tliet ġimgħat ilu rrakkontahieli xi ħadd li kien preżenti fit-tieġ ta’ ommi u ta’ missieri. U interessanti l-fatt illi għal missieri u għal The Tramps, għal dak iż-żmien, ma kinitx id-diska – the song; ma kinitx diska importanti għalihom. Infatti, huma kienu diġà qed jaħdmu fuqha bħala band imma ħasbu li ma kinitx tajba biżżejjed. Kien baqa’ spazju fuq id-diska – għax kienu ħarġu album u dak iż-żmien 12-inch trid timlieh, mhux bħal-lum, bl-istreaming and so on – u l-kumpanija li kienet qed tirrekordja qaltilhom, ‘Baqgħalkom spazju għal another song, another 3-minute song.’ U rrekordjawha.
Richard Grech (L-Ewwel Nota)
Fi studju ta’ Mikaela Bajada (2017), hi u titkellem dwar grupp mużikali Għawdxi ieħor, Cash & Band, tgħid hekk:
Up till this day, when an event hosts Cash & Band, the attending crowd is numerous. The reason being that they play popular songs of all time. The audience’s most favourite songs are Xemx (sun) by the legendary Gozitan band, The Tramps and Brick in the Wall by Pink Floyd. Indeed, Xemx is loved by audiences of all ages. Members of the band note, that when they play this song, the crowd ‘literally goes wild’ and everyone sings along with it. Ironically, the lead singer of The Tramps, Dominic Grech, is the late father of one of Cash & Band’s pianists [Richard] (p. 31).
Music, Intentions, and Double Insularity: The Politics of Musical Participation and Music-Making in a small Gozitan Village, ta’ Mikaela Bajada (teżina għall-B.A. (Unuri) fl-Istudji Mużikali fl-Università ta’ Malta)
Ħadd ma jista’ jiċħad il-popolarità mifruxa ta’ din il-kanzunetta. Meta xahar ilu ġie s-surmast André Rieu mal-Johann Strauss Orchestra, l-unika kanzunetta li daqq bil-Malti kienet proprju hi, tant li llum l-ewwel ħaġa li titla’ malli tikteb Xemx fuq YouTube hija l-verżjoni tiegħu, li fil-mument li qed nippubblika din il-bloggata għandha iktar minn miljun view.
Il-mertu iżda mhuwiex ta’ Dominic Grech biss:
[Il-membri ta’ The Tramps] kollha taw xi tip ta’ kontribut. Okay, missieri ried joħroġ bl-idea inizjali u kien forsi jiggwidahom, ‘Isma’, jien nixtieq li tinstema’ hekk.’ Imma mbagħad, pereżempju l-backing vocals, again, sempliċi ħafna imma sinifikanti li kanta Spiru – li huwa l-bassist – fis-song Xemx huma xi ħaġa … anke l-bassline kif inhi. Pereżempju ħija huwa bassist, u xħin jipprova jdoqq Xemx bl-original format jgħidli, ‘Jiena veru ma nħosshiex ta’ jdejja.’ Imma dik hija l-arti finalment, jiġifieri li inti, anke minn take ħażina, tista’ wkoll … infatti, f’Xemx hemm parti żgħira, jekk tisma’ sew fil-verżjoni l-antika, illi hemm żball fil-bassline.
Richard Grech (L-Ewwel Nota)
Meta għamel referenza għal “take ħażina,” hu elabora fuq din il-frażi billi qal:
Joe Debono, li kien ir-recording engineer ta’ din is-song u l-producer, ħar[eġ] video jew ritratt tar-recorder li kien jintuża. Bażikament, hu proċess sempliċi. Dan huwa 8-track recorder fuq tape u, l-ewwel nett, inti kulma għandek wisa’ fejn tirrekordja huma 8 affarijiet, jiġifieri 8 microphones biex niftehmu. Jiġifieri nneħħu l-vuċi, baqagħlek 7 biss. U l-iktar ħaġa li kienet challenging hija li kulħadd kien jirrekordja u jdoqq f’daqqa, f’kamra waħda, u m’hemmx lok ta’ żbalji. Jiġifieri jekk xi ħadd mill-ħames persuni tal-band żbalja, trid terġa’ tittieħed it-take kollha.
Richard Grech (L-Ewwel Nota)
F’diskursata qasira li kelli fuq Messenger mal-mużiċist Għawdxi Steve Buttigieg, spjegajtlu l-iskop tal-istħarriġ li kont qed nagħmel u ktibtlu: “Dan kollu biex nikkonferma jekk Xemx hijiex l-ewwel eżempju ta’ mużika Maltija li tiġi f’moħħ il-Maltin. Tipo nixtieq nifhem għalfejn baqgħet daqshekk popolari.” It-tweġiba tiegħu kienet, “Ovvja, risposta waħda hemm. Il-gżira tal-oriġini u l-fatt li hija ballad b’melodiji mill-isbaħ.”
Għal dan irrispondejt, “Imma dawk hemm oħrajn minnhom, le?” “Bħal?” qalli. Ktibtlu, “Għajnejn Sbieħ, Qalu Li Raw, L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel … l-ewwel li ġewni f’moħħi dawk.” Għal dan weġibni, “L-Aħħar Bidwi hija pjuttost diska minor mingħajr ħjiel ta’ klajmaks imkien, għalkemm jien togħġobni ħafna ħafna.” Qbilna li fl-eżempji li semmejtlu jien m’hemmx dik il-klajmaks li twassal lin-nies biex ikantaw flimkien b’ċerta allegrija, bħalma hemm f’Xemx.

Il-kanzunetta hija msejsa fuq din il-progressjoni ta’ kordi: I-iii-IV-V. Eżempji ta’ kanzunetti li jużaw din il-progressjoni huma:
- Crocodile Rock, ta’ Elton John;
- I Feel Fine, ta’ The Beatles;
- Have I Told You Lately, ta’ Rod Stewart;
- Let’s Get It On, ta’ Marvin Gaye;
- Dreamin, ta’ Weezer;
- As I Lay Me Down, ta’ Sophie B. Hawkins;
- Make Your Own Kind of Music, ta’ The Mamas and the Papas;
- Amy, ta’ Green Day.
Dil-progressjoni hija pjuttost komuni, jiġifieri meta Grech kien qed jikteb Xemx x’aktarx irrikorra għaliha proprju għaliex hija sempliċi u għaliex taħdem, fis-sens li tappella sew għal widnet in-nies. Il-minor chord (iii) infilzata fil-major triad (I-IV-V) tkompli żżejjinha iktar. U bħalma nafu, it-tiżjin isir biex jagħmel xi ħaġa tidher (jew tinstema’) iktar attraenti.

Ma’ dan għandna nikkunsidraw ukoll it-tensjoni li tinħoloq, speċjalment fil-pre-chorus ta’ Xemx. Meta nisimgħu l-pre-chorus, inħossu li hemm bżonn ta’ reżoluzzjoni li l-mużika ċċaħħadna minnha. Dan in-nuqqas joħloq dik it-tensjoni. Huwa l-chorus imbagħad li jibda jirrisolviha, u għalhekk ħafna nies għandhom ħabta jkantaw il-pre-chorus u l-chorus ta’ Xemx b’ċerta ewforija.
A pre-chorus is an attachment of the chorus, and is therefore equally as memorable. Because of this, the pre-chorus provides reinforcement to the chorus by alerting the listener that the chorus is about to happen. A strong pre-chorus gives momentum to the chorus, and can be more memorable than the chorus in many cases.
iZotope
Biex tifhem aħjar il-kunċetti ta’ tensjoni u reżoluzzjoni fil-mużika:
‘Tension and release’ refers to the build-up of musical intensity that eventually dissolves and relaxes. For the listener, a moment of unrest in the music creates an expectation for its resolution and an anticipation for the drama to resolve. Tension and release keeps the music moving forward.
School of Composition
Steve rrimarka wkoll, bħalma rrimarka iben Dominic fl-intervista, “Fatt ieħor hu li l-kliem huwa pjuttost sempliċi: ‘Xemx wisq sabiħa, lilek inħobb.’” Infatti, il-metrika tal-lirika hija regolari immens. Ħa noħodha biċċa biċċa, strofa strofa …
Lilek inħobbok
bil-wisq mhux ftit
dejjem ġo qalbi
jien naħseb fik
It-tul tal-versi hawnhekk jalterna bejn versi kwinarji (5 sillabi) b’aċċent wati (fuq is-sillaba ta’ qabel tal-aħħar) u kwaternarji (4 sillabi) b’aċċent tronk (fuq l-aħħar sillaba). B’hekk, minħabba l-mod kif qegħdin impoġġijin l-aċċenti, nistgħu ngħidu li fil-verità huma lkoll versi kwinarji. Din il-forma b’mod ġenerali tibqa’ tirrepeti ruħha (kważi) matul il-kanzunetta kollha.
Iva lilek inħobbok
Iva lilek irrid
Hawnhekk għandna vers settenarju (7 sillabi) wati u ieħor senarju (6 sillabi) tronk, rispettivament. Bl-istess raġunament bħal qabel, dawn nistgħu ngħodduhom it-tnejn bħala settenarji.
Xemx wisq sabiħa
lilek inħobb
Ġawhra ta’ qalbi
lilek irrid
Il-chorus isegwi l-istess struttura eżatt bħall-ewwel strofa tal-kanzunetta. Dan il-mudell iżda jinbidel daqsxejn fl-istrofa mitkellma li nisimgħu lejn nofs il-kanzunetta, fejn l-aħħar vers isir “lilek biss irrid” (kwinarju tronk).
L-istruttura mbagħad tinbidel daqsxejn ukoll fiż-żewġ versetti (mhux ċert jissejħux hekk bil-Malti; bl-Ingliż verses) l-oħra:
Fin-niket u fl-hena
niftakar fik
għax inti tfarraġni
nistabar bik
u
Ftit ieħor daqt jasal
dak il-mument
li inti tkun tiegħi
għal dejjem ħdejk
Hawnhekk naraw versi pari, li jalternaw bejn versi senarji b’aċċent wati u versi kwaternarji b’aċċent tronk. Mhijiex bidla drastika, imma biha jitbiddel daqsxejn il-mudell metriku li kien stabbilit s’issa.
M’hemmx rima sħiħa matul id-diska, ħlief fil-każ ta’ waħda fjakka: “fik” ma’ “bik.” Fjakka fis-sens li hija ovvja u klixè … “sempliċi,” kif sejħilha Steve. Għaldaqstant, il-kliem fi tmiem it-tieni u r-raba’ vers ta’ kull strofa jinstema’ daqslikieku jirrima. Din tissejjaħ nofs rima.
Meta waqt L-Ewwel Nota Richard, bin Dominic, ġie mistoqsi għalfejn jaħseb li l-kanzunetta qabdet daqshekk, hu qal hekk:
Jien naħseb is-sempliċità tas-song, Xemx – għax fil-verità hija song veru sempliċi – u l-mużikalità tagħha, li hija song, kif ngħidu aħna, tal-widna. Hija the winning recipe fil-verità illi [permezz tagħha] spiċċat fejn hi llum. U min-naħa l-oħra, f’dawn l-affarijiet, naħseb hemm element ta’ fortuna wkoll. Minn mindu missieri fl-2005 ħalliena, jiena naħseb li d-diska splodiet, jiġifieri, din hija ħaġa li nixtieq li huwa gawda. Imma sfortunatament meta persuna tħalli din id-dinja hija xi ħaġa naturali li dak li jkun jimmissja l-wirt li jkun ħalla.
Richard Grech (L-Ewwel Nota)
Ma nistgħux neskludu wkoll l-importanza tar-repetizzjoni, li hija t-teknika ewlenija li tintuża biex mużiċist jikkrea dik li nirreferu għaliha bħala earworm. Xemx hi mimlija repetizzjonijiet ta’ kliem individwali u ta’ frażijiet sħaħ, kemm lirikament kif ukoll mużikalment, u b’hekk dan il-motif ikompli jtanbar f’moħħ is-semmiegħa. Il-lingwaġġ użat u ripetut huwa bażiku u jista’ jinftiehem faċilment diment li taf il-Malti (ovvjament). Din it-tabella turi l-frekwenza ta’ kull kelma użata fil-kanzunetta:
| KELMA | FREKWENZA |
| lilek | 19 |
| irrid | 9 |
| iva | 8 |
| qalbi; (bil-)wisq | 6 |
| ta’; xemx; ġawhra; inħobbok; inħobb; sabiħa | 5 |
| dejjem; ftit; inti; fik | 2 |
| u; ħdejk; li; naħseb; ġo; biss; niftakar; tkun; tiegħi; fl-hena; daqt; nistabar; mhux; għax; għal; fin-niket; bik; dak; jasal; tfarraġni; jien; il-mument; ieħor | 1 |
Kif tixhed il-lista, hija l-kelma “lilek” li tispikka l-iktar. Din il-prepożizzjoni inflessa fit-tieni persuna singular toħloq apostrofi (indirizz) kontinwu lejn ix-“xemx” umanizzata. Bil-kelma “ġawhra” tissawwar metafora inanimistika li toħloq l-istess effett apostrofiku. Ix-“xemx” tinħass qisha xi ħaġa ikbar minna (kif fil-fatt hi) u għalhekk l-indirizz kontinwu lejha jagħti xeħta ta’ innu lil din il-kanzunetta, ċjoè jittrasformaha f’għanja ta’ tifħir lejn entità kbira u għolja li kapaċi tgħaqqad mases sħaħ ta’ nies. Jinħoloq dak li Émile Durkheim isejjaħlu collective effervescence, kunċett li oriġinarjament ħareġ bih biex jispjega r-reliġjon, iżda li narah japplika għal oqsma soċjali oħra. Skont Durkheim:
Collective effervescence refers to moments in societal life when the group of individuals that makes up a society comes together in order to perform a religious ritual. During these moments, the group comes together and communicates in the same thought and participates in the same action, which serves to unify a group of individuals. When individuals come into close contact with one another and when they are assembled in such a fashion, a certain “electricity” is created and released, leading participants to a high degree of collective emotional excitement or delirium. This impersonal, extra-individual force, which is a core element of religion, transports the individuals into a new, ideal realm, lifts them up outside of themselves, and makes them feel as if they are in contact with an extraordinary energy.
International Encyclopedia of Philosophy
Dan hu l-effett li toħloq Xemx. Ix-xemx f’bosta kulturi, jekk mhux f’kollha, hija simbolu tal-ħajja, tad-dawl, tal-qawwa, tal-poter, u tad-divinità, fost oħrajn. Ta’ spiss tidher ukoll bħala entità twajba, onesta, u għarfa. Infatti, dawn l-istess simboliżmi u karatteristiċi għandna tendenza napplikawhom għal entitatjiet kbar u għolja bħalma huma Alla, il-patria, partit politiku, klabb tal-futbol, u l-bqija.
F’pajjiż bħal tagħna, fejn ix-xemx (kważi) dejjem insibuha tiddi u tiżreġ fuq rasna, ma niħduhiex bi kbira li dan is-simbolu akkwista daqshekk saħħa. Infatti anke t-turisti jħobbu jsejħu lil gżiritna “sunny Malta.”
Jekk pereżempju nħarsu lejn il-politika lokali, naraw ix-xemx bħala sinjal ta’ tama u potenza:
Sebaħ jum, telgħet xemx.
Joseph tagħna bħalu m’hemmx.
Dawn iż-żewġ versi mill-verżjoni Laburista ta’ New Tomorrow (ta’ A Friend in London), li kienet titkanta mill-folol kbar ta’ nies akkaniti li kienu jinġabru għall-mass meetings tal-Labour fi żmien Joseph Muscat, jixhdu li x-“xemx” tagħhom (f’dal-każ, Joseph Muscat innifsu) isservi bħala simbolu ta’ tama għal ġejjieni aħjar mimli għaqda u ġid. Ir-raġġi tagħha huma saħansitra sinonimi mat-tama fl-espressjoni popolari Maltija ‘raġġ ta’ dawl.’
In-Nazzjonalisti użaw din il-metafora wkoll meta kienu użaw Sun is Shining (ta’ Axwell /\ Ingrosso) bħala d-diska ewlenija għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza tal-2015.
Jekk inħarsu lejn il-letteratura Maltija, insibu każ ta’ ktieb li ismu tnissel minn din il-kanzunetta: Xemx, Wisq Sabiħa, ta’ Ġużè Stagno. Din hi d-deskrizzjoni tar-rumanz li tinsab fuq is-sit elettroniku ta’ Merlin Publishers, il-pubblikaturi tal-ktieb:
Jekk Inbid ta’ Kuljum kien aħrax u pastaż, Xemx, Wisq Sabiħa huwa tassew l-abiss: dak kollu li dejjem għarafna iżda li qatt ma xtaqna nitkellmu dwaru. Id-dwejjaq, il-kruha, il-ħażen, il-vulgarità ta’ ġenerazzjoni li ma fadlilha xejn iżjed xi tgħid. Stagno jobżoq kollox fi traġikummiedja trash ambjentata fil-ħmieġ ta’ Paceville, fil-familji working class ta’ Marsaxlokk, fil-weekends f’Għawdex, żwieġ għax m’hemmx iżjed x’tagħmel u tletin elf lira dejn għall-post.
Merlin Publishers

B’hekk, Stagno juża din il-metafora idillika u jeqlibha ta’ taħt fuq, proprju għaliex huwa konxju tal-istampa idillika li tpinġi l-lirika ta’ Xemx. U jekk ix-xemx tissimbolizza l-ħajja u lil art twelidna, mela Stagno jagħraf li ħajjietna u art twelidna mhumiex kollha ward u żahar, bħalma tissuġġerixxi l-kanzunetta ta’ The Tramps.
B’hekk nintebħu li Xemx hija wkoll stqarrija soċjali Romantiċizzata li tpinġi l-imħabba u r-relazzjonijiet bħala ħwejjeġ ħfief u leġġeri. U forsi f’soċjetà li fiha l-imħabba dejjem saret tisfaxxa iżjed malajr, bosta individwi bla ma jafu jfittxu diska bħal Xemx biex jistrieħu min-niket tagħhom, imqar għal ftit minuti. Biss biss, jekk nikkunsidrawha bħala forma ta’ innu, awtomatikament jinbet minnha sens kbir ta’ appartanenza u kenn għal dawk li jkollhom xewqa kbira li jappartjenu għal xi ħadd jew xi ħaġa:
Fin-niket u fl-hena
niftakar fik
għax inti tfarraġni
nistabar bik
Fost oħrajn, din l-appartanenza tinħass fuq livell ta’ nazzjonalità. Fl-istħarriġ, mara ta’ 20 sena minn Marsaskala qasmet miegħi dan il-kumment meta staqsejt, “Tiftakar fejn kont l-aħħar darba li smajtha din il-kanzunetta?”:
Fit-tieġ tal-kuġin li seħħ barra minn Malta, u vera ħassejtni kburija li jien Maltija għax familtli kollha bdiet tkantaha bil-qalb fost xebgħa barranin.
Kumment ieħor li għoġobni kien ta’ mara ta’ 30 sena minn Birkirkara:
Fil-klassi tal-Year 6 … jien għalliema u daqqejtha minn fuq YouTube waqt li konna qegħdin nagħmlu class party. Għażiltha u għedtilhom li dik waħda mill-favoriti u saħansitra għamiltha fit-tieġ. Jien u l-edukaturi l-oħra kantajna mal-video; it-tfal ma kinux daqshekk impressjonati … jaf iktar minħabba l-mutetti tagħna imma.
Tfajla ta’ 18-il sena minn Birżebbuġa kitbet:
Kont qiegħda nqalleb fuq il-midja soċjali u tela’ filmat t’André Rieu jdoqqha waqt il-kunċert tiegħu fuq il-Fosos, u l-filmat ġabli qalbi ġunġliena.
Din risposta oħra, ta’ raġel ta’ 52 sena mill-Birgu:
Waqt il-kunċert ta’ André Rieu fil-Furjana, mal-mużika tal-orkestra, u l-leħen ta’ folla enormi, folla Maltija, tkanta, kburija b’ilsien art twelidha.
Kif jixhdu dawn il-kummenti, Xemx saret simbolu tan-nazzjon Malti u l-lingwa tiegħu, li jqarrbu lill-ixjeħ Maltin mal-iżgħar Maltin; simbolu ta’ nazzjon li jgħaqqad ġenerazzjonijiet sħaħ flimkien, anke jekk dawn il-ġenerazzjonijiet qatt ma ltaqgħu (u qatt mhuma se jiltaqgħu) ma’ xulxin fiżikament. In-nazzjon, wara kollox, mhu xejn għajr “komunità immaġinarja”:
In an anthropological spirit, then, I propose the following definition of the nation: it is an imagined political community – and imagined as both inherently limited and sovereign. It is imagined because the members of even the smallest nation will never know most of their fellow-members, meet them, or even hear of them, yet in the minds of each lives the image of their communion.
Imagined Communities: Reflections on the Origin and Spread of Nationalism, ta’ Benedict Anderson
Xemx għalhekk hija waħda mill-artefatti kulturali li żżewwaq dawn “l-immaġini ta’ komunjoni” (“the image of their [/our] communion“) u l-identità kollettiva tagħna. Din l-appartanenza nazzjonali tinħass ukoll mill-emigranti Maltin f’dijaspori differenti madwar id-dinja, kif se naraw ftit iktar ‘l isfel f’din il-bloggata.
Minn hawn tinbet kurżità oħra: Xemx baqgħet tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra waħedha, b’reputazzjoni ta’ diska purament Maltija, jew kien hemm xi mument partikolari li reġa’ għamilha popolari? Pereżempju, Sweet Caroline, ta’ Neil Diamond, jgħidu li reġgħet saret popolari f’logħba baseball partikolari u nxterdet għal sports oħrajn, sakemm eventwalment bdiet tinstema’ fil-festini u f’avvenimenti oħra wkoll.
Minn kif tkellem Richard Grech waqt l-intervista li saritlu, il-kanzunetta “splodiet” fil-popolarità wara li missieru ħalliena fit-23 ta’ Awwissu tal-2005. Jista’ jkun qed jimplika hawnhekk li kien dan il-mument li wassal lill-poplu sabiex, bi qbil unanimu u mhux-diskuss, jibda l-proċess biex Xemx, kważi kważi, issir l-innu Malti l-ġdid. Iżda jien nemmen (u Steve kien qabel miegħi) li din il-fama baqgħet tintiret fuq skala mifruxa minn ġenerazzjoni għall-oħra, altru milli reġgħet kisbitha bħala riżultat ta’ ġrajja speċifika. Fi kliem ieħor, nemmen li kieku Dominic għadu fostna, xorta waħda kienet se tilħaq l-istess popolarità li laħqet s’issa, proprju għaliex hemm diversi fatturi intrinsiċi fil-kanzunetta li jagħmluha aċċessibbli għal tant u tant nies, irrelevanti jkantahiex il-kantant oriġinali tagħha jew le.
Jien u Steve t-tnejn niftakru lilna nfusna nkantawha minn mindu konna għadna żgħar. Bejni u bejnu hemm biss madwar xahar u nofs (hu twieled lejn tmiem l-2003 u jien fil-bidu tal-2004), jiġifieri jista’ jkun li Xemx f’moħħna nikkunsidrawha bħala diska monumentali sforz din l-“isplużjoni” fil-popolarità li, skont Richard Grech, kisbet mill-2005 ‘l hawn. Għal Steve nimmaġina li hi iktar speċjali peress li joriġina mill-istess gżira bħalha. Imma ma naħsibx li din l-“isplużjoni” hija l-fattur ewlieni li sawwar il-fama ta’ Xemx.
L-iżball li għamilt fl-istħarriġ kien li lill-parteċipanti ma staqsejthomx jirrakkontawli l-ewwel memorja li għandhom tagħhom jisimgħu jew ikantaw il-kanzunetta li semmewli. Kieku staqsejt, din il-kwistjoni jaf stajt insolviha iktar faċilment. F’intervista li kien għamel Spiru Sillato ma’ The People of Malta fl-2018, hu qal hekk:
Id-diska Xemx konna ndoqquha fit-tiġijiet bħala l-ewwel żifna. Konna nkantawha jiena u Dominic. Nieħu gost li għadha popolari u għadhom idoqquha anki llum. Ġieli jinterpretawha tajjeb u ġieli ħażin ukoll.
Spiru Sillato (The People of Malta)
Minn kliemu nistgħu niddeduċu li, skontu, Xemx minn dejjem kienet popolari. Il-kummenti fuq din l-intervista, li ttellgħet fost oħrajn fuq Facebook, ukoll juru element ereditarju fil-fama ta’ Xemx, ngħidu aħna:
[I] love love the song Xemx, [and so do] my children. [Even though] they don’t speak Maltese, [they] understand [and] love the song. We hear it a lot in Melbourne at feasts, dinner dances, and other Maltese functions […]
Frances Offer (kumment fuq The People of Malta)
Hawnhekk nerġgħu naraw kif Xemx hija tassew simbolu ta’ dak kollu li hu Malti, anke jekk il-Maltin li jgawduha m’għadhomx jgħixu Malta. The Tramps għarfuh dan, u kemm-il darba marru jdoqqu barra minn Malta fi bliet bħal Toronto (fil-Kanada), New York (fl-Istati Uniti), Melbourne (fl-Awstralja), u Adelaide (fl-Awstralja), fejn hemm komunitajiet kbar ta’ Maltin. Infatti, kumment ta’ Malti ieħor fl-Awstralja kien dan:
Probably the most popular Maltese song I can think of. Even here in Australia, the second generation Maltese love this song when it’s played at Maltese functions.
Norman Borg (kumment fuq The People of Malta)
Għal dan, ċerta waħda Lou Bellizzi wieġbet, “Is it even a woggy* Maltese event if Xemx isn’t played?” U Norman Borg qalilha, “Definitely the most recognised song, and gets everyone singing along!”
*N.B. #2: Fl-Awstralja, il-kelma derigatorja 'wog' tintuża biex tirreferi għan-nies fl-Awstralja li ġejjin min-Nofsinhar tal-Ewropa (bħalma huma l-Maltin), mix-Xlokk Ewropew, jew mil-Lvant Nofsani.
Però dan il-fenomenu mhuwiex xi ħaġa tal-Awstralja biss, kif jixhdu dawn it-tliet kummenti:
I sing it all the time in winter in Prague when I’m homesick, and it lifts my spirits and [makes me] look forward for my summers with xemx, sea, and friends in Gozo! You made an unforgettable masterpiece. Thank you.
Josette Pecharova (kumment fuq The People of Malta)
I live in the UK and in the year 2000 you sang at my daughter’s wedding at Ta’ Ċenċ Hotel. We loved it and we often play it and sing it. Thank you very much for the lovely song that comes from my lovely country, Malta.
Fortunata Hutson Parnis (kumment fuq The People of Malta)
I love your songs, [they’re] great. I listen to your songs all the time, here, in America.
Mary Zammit (kumment fuq The People of Malta)
Dan il-fattur tad-dijaspori Maltin nammetti li żelaqli minn moħħi wkoll jien u nfassal l-istħarriġ. Intbaħt bih meta ltqajt mal-intervista ta’ Spiru fuq The People of Malta u fettilli nħares lejn il-kummenti. Kienu partikolarment l-kummenti ta’ Frances Offer u Norman Borg li ġibduli l-attenzjoni mal-ewwel. Dan għaliex juruna li, minkejja l-qtugħ ġeografiku assolut minn Malta, it-tieni ġenerazzjoni ta’ Maltin fl-Awstralja xorta waħda jħossuhom li jappartjenu għan-nazzjon Malti li Xemx tirrappreżenta.
Fl-istħarriġ staqsejt ukoll kemm għandhom żmien il-parteċipanti, u minn hawn ħareġ dettall interessanti. L-iżgħar parteċipanta li kitbet Xemx bħala t-tweġiba tagħha kellha 12-il sena u l-ikbar kellu 67 sena. Jiġifieri minkejja li huma mifrudin b’tliet ġenerazzjonijiet (waħda Gen Z u l-ieħor Generation Jones), xorta qablu.
Il-fatt li bosta artisti matul is-snin baqgħu jġeddu din il-kanzunetta bl-interpretazzjonijiet tagħhom wisq probabbli huwa fattur ewlieni ieħor li għen f’dan il-proċess ta’ wirt, speċjalment fost il-Maltin f’Malta. Tant hu hekk li, jekk tidħlu fuq YouTube u tfittxu ‘Xemx,’ se ssibu eluf ta’ riżultati. Bħalma tistgħu tinnotaw, uħud minnhom inkludejthom hawnhekk, imma impossibbli ninkludihom kollha.
Dan jaf mhuwiex fattur daqstant prevalenti fid-dijaspori ta’ Maltin lil hinn minn xtutna għaliex, minkejja l-influwenza tal-kultura ta’ fejn joqogħdu, f’dawn il-komunitajiet il-kultura Maltija baqgħet ħafna iktar ippreservata. Fi kliem ieħor, il-kultura Maltija għall-Maltin li emigraw wara t-Tieni Gwerra Dinjija hija l-kultura Maltija ta’ bejn nofs is-snin 40 u l-bidu tas-snin 80 (1940s-1980s), b’Xemx inkluża. Minn hemm ‘l hemm, dawn l-emigranti nqatgħu għalkollox mill-bosta żviluppi kulturali li żvolġew fil-gżejjer Maltin fl-aħħar 40 sena.
Rigward id-diskussjoni dwar il-kontribut ta’ diversi artisti fil-wirt ta’ Xemx f’Malta, f’teżina ta’ George Cassar (2017) naqraw:
Gruppi mużikali […] li għażlu li ma jkantawx bil-Malti, xorta waħda jagħżlu li jinkludu fir-repertorju kanzunetti Maltin bħal Xemx, Fejn Tħobb il-Qalb u L-Ewwel Tfajla Li Ħabbejt […] għax għadhom jarawhom appellabbli anki għall-udjenza żagħżugħa tal-lum (p. 48).
L-iżvilupp tal-kanzunetta Maltija b’tema soċjali: b’analiżi tar-repertorju tal-kantawtur Walter Micallef, ta’ George Cassar (teżina għall-B.A. (Unuri) fil-Malti fl-Università ta’ Malta)
Fl-istħarriġ issemmew 76 diska differenti (tnejn minnhom ma rnexxilix nidentifikahom), u t-tliet kanzunetti li ssemmew l-iżjed (i.e. it-top 3) kienu:
- Xemx, ta’ The Tramps (30.39%; 55 darba);
- L-Ewwel Tfajla Li Ħabbejt, ta’ The Malta Bums (3.87%; 7 darbiet), u;
- Fejn Tħobb il-Qalb, ta’ Mike Spiteri (2.76%; 5 darbiet, f’parità ma’ Naħseb Fik, ta’ AIDAN).
Inzertaw qablu eżatt mat-tliet kanzunetti li semma Cassar fit-teżina tiegħu!
Infakkarkom li fl-ebda punt waqt l-istħarriġ jew waqt id-disseminazzjoni tal-istħarriġ ma semmejt isem ta’ xi diska. U bħalma tistgħu taraw, Xemx kaxkret kulm’hemm. Forsi vera li l-kampjun mhuwiex kbir (u li l-istħarriġ mhuwiex xjentifiku per se), iżda nemmen li hu kampjun (u stħarriġ) sinifikanti xorta waħda.

Sinċerament, ma nafx irnexxilix insib risposta għall-kurżità li kelli dwar is-suċċess ta’ Xemx jew jekk sempliċiment ikkumplikajtx l-affari żżejjed. Jista’ jkun li ktibt ħafna kliem u xorta waħda m’għedt xejn speċjali. Imma la ddeċidejt li nippubblikaha, sinjal li nħossni sodisfatt bil-ħsibijiet li żviluppajt jien u nagħmel din l-analiżi.
N.B. #3: Jekk wasalt s'hawn, navżak li għadek kemm qrajt madwar 4000 kelma. Għaldaqstant, inħeġġek tindilek dilka aftersun għax dax-xmux kollha min jaf kif ġabuk tadama.