L-inħawi tal-Port il-Kbir dejjem kelli soft spot għalihom, u jekk issaqsini għandix memorji marbutin mal-Belt, il-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Kalkara, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, u x-Xgħajra, xi waħda jew tnejn (jew iktar!) nirrakkontalek żgur.

Imma f’din il-lista qbiżt lokalità li jekk issaqsini nirrakkontalek xi ħaġa dwarha trid tieħu jumejn leave biex tisma’ kulm’għandi xi ngħid.

Il-Furjana (jew il-Floriana, ħalli ma naqlax argumenti).

Qatt m’għext hemm. Imma jekk issaqsini minn fejn jien, ngħidlek li minn hemm. Jekk issaqsini nirrakkontalek il-memorji ewlenin tiegħi (il-core memories), ħafna minnhom hemmhekk ġraw:

  • Il-vjaġġ mid-dar għall-Furjana. Il-lights ta’ fejn il-każin tal-Lejber tal-Imsida, int u nieżel minn fejn l-iskatepark, li kienu jaqilbu ħodor għal 30 sekonda u mbagħad jagħmlulek minuta (li kienet tinħass twila siegħa) ħomor. Dawk il-lights pattew imsieken, għax il-flyover ħaditilhom xogħolhom.
  • Fl-istess rotta mid-dar għall-Furjana, ir-radd tas-salib aħna u għaddejjin fit-triq tal-marina tal-Imsida, għax f’sidestreet imtarrġa fin-naħa l-oħra tat-triq hemm niċċa tad-Duluri mal-ħajt.
  • L-eċitament li kien ikolli biex jasal tmiem Awwissu għall-jumejn (jew tlieta, m’iniex ċert issa) tal-Florianafest. Milli sibt, dan kien ilu jsir żgur sa mill-1989, imma mill-2013 ‘l hemm ma baqax isir. Fl-edizzjoni tal-2012 niftakar kont ħadt ritratt ma’ Kurt Calleja, li dak iż-żmien kien in voga b’”This is the Night” (wara kont ipprintjajtu u ffirmahuli waqt attività oħra f’Ħal Għaxaq).
  • Il-poeżija li ktibt u wrejt lill-Furjaniż Oliver Friggieri waqt waħda mill-ikliet tal-parroċċa li z-ziju jorganizza f’Sala San Publju (jew kif inhi magħrufa aħjar, il-kannierja tal-knisja). Dak il-mument kien l-aħħar imbuttatura li kelli bżonn biex nagħżel li nkompli nistudja l-Malti.
  • Ir-rebħa tal-FA Trophy kontra l-Belt meta kelli 7 snin. Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fi Triq Sant’Anna, smajt “Saluuut… f’għoxx il-Valletta.” U jien (għax pappagall) irrepetejt li qalu. Ommi u missieri malajr sikktuni, avolja mbagħad rajthom iċarrtu ħalqhom. Warajja kien hemm qassis, li daħaqli wkoll; taħsbux li ħa skandlu.
  • L-antifona ta’ San Publju, bil-Latin, li minn età żgħira kont inkantaha bl-amment, mill-bidu sal-aħħar. Għal Furjaniż, il-kliem tal-antifona jsiru second nature daqs il-kliem tal-ABC. (Issa reġa’ wasal żmienha, għax mill-Ħadd li ġej tibda l-ġimgħa tal-festa!)
  • Il-laqgħat tal-abbatini kull nhar ta’ Ġimgħa fil-Kappella San Publju Martri fi Triq l-Isqof Mauro Caruana.
  • Il-quddies tas-Sibt filgħaxija, meta konna nkunu l-abbatini kollha.
  • Il-quddies tal-Ħadd filgħodu, meta kont inkun abbati waħdi. Abbatini konna ftit, x’aktarx għax fil-Furjana ftit kien hemm tfal (illum kważi ma fadal xejn tfal), allura kont nagħmel sforz inservi f’quddiesa oħra fl-istess weekend.
  • L-irfigħ tal-istatwa ta’ San Publju tat-Tfal nhar it-Tnejn tal-ġimgħa tal-festa (magħruf, appuntu, bħala jum il-festa tat-tfal).
  • Lejlet il-festa, is-Sibt filgħaxija, in-nannu kien idawwar mal-knisja lill-Maltin u t-turisti li kienu jiġu għall-festival tan-nar tal-art fuq il-Fosos (jew, kif in-nannu jħobb jenfasizza li għandha tissejjaħ, Pjazza San Publju). Jien kont noqgħod nsus ma’ sormu, narah u nisimgħu jispjega kull dettall dwar kważi kull ħaġa li żżejjen il-ħitan u l-altari tal-knisja.
  • F’jum il-festa, waqt il-marċ tas-siegħa — l-isbaħ tliet sigħat inħares ‘il fuq, naqsam għonqi, biex nipprova naqbad il-ġugarelli, il-blalen, il-lilos, il-brieret, il-flokkijiet, il-ħelu, eċċ. li jitwaddbu mill-gallariji tad-djar tan-nies.
  • It-tlugħ ma’ waħda mill-kolonni fuq quddiem tal-knisja waqt li l-vara tkun ħierġa għall-purċissjoni ta’ filgħaxija f’jum il-festa. Meta bdejt nitla’ mal-kolonna, bdejt niġbed il-vidjos bil-mobile, ħalli mbagħad intellagħhom YouTube (agħfas hawn biex tara eżempju ta’ dan).
  • It-tentattivi tiegħi biex niddeffes quddiem il-vara hi u dieħla lura l-knisja f’jum il-festa filgħaxija (iktar ma bdejt nikber, iktar beda jirnexxili).
  • Il-gallarija tal-orgni tal-knisja, fejn in-nannu kien ikun qed idoqq mal-orkestra. Malli jlestu kont nitla’ ħdejh, avolja l-garigor, speċjalment biex ninżel lura, kien iwerwirni.

Il-punt tiegħi?

F’Jannar li għadda, Festgħana (festival organizzat minn Festivals Malta) u l-Kunsill Reġjonali Port ħabbru konkors għall-kitba ta’ għana tal-fatt li jrid jirrakkonta ġrajja vera li ġrat xi mkien fir-Reġjun Port. Ta’ defsa li jien, dħaltilha. Ma ktibtx dwar il-Furjana, imma dwar ġrajja oħra li ġrat fl-inħawi tal-Port; ġrajja li ċertament saret parti mill-memorja kollettiva tagħna kollha. Il-fatt rebaħ il-konkors, u x-xahar id-dieħel se jkun qed jiftaħ l-ewwel edizzjoni ta’ Festgħana.

Dan il-festival se jsir appuntu ġewwa l-famuż ġnien tal-Gotti, jew biex inkunu puliti u preċiżi, fl-Argotti Botanic Gardens & Resource Centre, il-Furjana. B’hekk, fit-22 ta’ Mejju filgħaxija, se jkolli memorja ħelwa oħra ġewwa l-għażiża Furjana tagħna, u b’hekk inkun nista’ nżid punt ieħor f’din il-lista (qatt kompluta) ta’ memorji:

  • Niftakar meta tgħanna l-ewwel għana tal-fatt li ktibt, waqt l-ewwel edizzjoni ta’ Festgħana, minn għannej ta’ stoffa, fil-lokalità li fost l-għeruq tas-siġar kollha li jżewqu l-ġonna tagħha, hemm l-għeruq tiegħi.

Għal iktar dettalji dwar l-attività Il-Fatt tar-Reġjun Port waqt Festgħana, agħfas hawn.