Nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju 2026, għammidna ‘l ħija ż-żgħir …

Bħali, tifel tad-Dipartiment tal-Malti l-Università. Dipartiment li għandu ħafna tfal. U fejn m’għandux, jara x’jagħmel u jipprova jagħmel iktar.
Ta’ bla televixin dan id-Dipartiment.
Fost il-ħafna aħwa li għandi, hemm dan ħija ż-żgħir. Wieħed mill-favoriti jkolli ngħid.

Wisq ħelu u bravu dan ħija ż-żgħir. Kull kelma li jaf isib skoss affarijiet xi jgħidlek dwarha. U iktar ma jikber, iktar isib kliem li għandu xi jgħid dwaru u iktar isib xi jgħid dwaru. Ġenju t-tifel.
Kelli idea li ġej dan ħija ż-żgħir. Ma kontx naf kif u x’fatta, imma kelli idea vaga, għax il-ġenituri kienu ilhom jgħidu li se jkollhom baby speċjali.
Meta twieled, bdew jgħidu lili u lil ħuti li għandhom bżonn l-għajnuna biex jieħdu ħsiebu. U għalkemm ftit mitlufa dwar x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux, bdejna nieħdu interess.

Ftit ġimgħat ilu, il-ġenituri fetħu sejħa għal nanny biex tieħu ħsieb lil ħija ż-żgħir.
Nanny?! Ovvja li se nitħajjar!
Dejjem xtaqt inkun qisni Mary Poppins. Jew Maria ta’ The Sound of Music. Dejjem xtaqt inkun … Julie Andrews?

Insomma, applikajt, għaddew ftit ġimgħat, intervistawni, eċċetra eċċetra, u fdawni biex lil dan ħija ż-żgħir inżommlu tikka idu jiena wkoll aħna u ngħallmuh kif l-aħjar jitfa’ saqajh biex hu u miexi ma joħodhiex għal wiċċu.
Sfortunatament, għadni m’għallimtux ikanta “Supercalifragilisticexpialidocious” jew “Do Re Mi,” imma xi darba jirnexxili.
Għax ħija ż-żgħir, avolja iżgħar, ħafna iktar bravu minni, tant li għal kull ħaġa li naf jien, hu jaf elf (jekk mhux iktar).

Issa li kulħadd jaf bih, għidu lil kull min tafu dwaru. Ħobbuh, ħuduh magħkom kull fejn tmorru, u arawh jikber.
Ilbieraħ il-kelma għamlet l-ewwel passi tagħha. Issa f’idejkom biex il-kelma tiġri.
Sadattant, jien, ħuti l-oħra, u l-ġenituri se nibqgħu nitimgħuh, naħsluh, u nibdlulu l-ħarqa, ħalli intom tkomplu terfgħuh u tiġru bih.

Tinsewx: fadallu x’jikber. Bravu kemm hu bravu, tridu tkunu ftit paċenzjużi miegħu. Hu x’inhu, tifel żgħir jibqa’. Imma jikber ukoll, u għad ikun il-papà ta’ ħafna ħafna ħafna tfal bħalu.